English version - Click Here
Messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għall-Ġurnata
Missjunarja Dinjija 2011
“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom” (Ġw. 20, 21)
Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-2000, il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II, fil-bidu ta’ millennju ġdid tal-era Kristjana, enfasizza bil-qawwa l-bżonn li nġeddu l-impenn li nwasslu lil kulħadd il-bxara tal-Vanġelu “bl-istess ħeġġa tal-Insara tal-ewwel siegħa” (Ittra Appostolika Novo millennio inuente, 58). Dan huwa s-servizz l-aktar prezzjuż li l-Knisja tista’ tagħti lill-umanità u lil kull persuna partikulari fit-tfittxija tar-raġunijiet profondi biex wieħed jgħix bis-sħiħ il-ħajja tiegħu.
Għalhekk dik l-istess sejħa tinstema’ mill-ġdid kull sena fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġurnata Missjunarja Dinjija. Ix-xandir bla heda tal-Vanġelu, infatti, iħeġġeġ anki lill-Knisja, il-fervur tagħha, l-ispirtu appostoliku tagħha, iġedded il-metodi pastorali tagħha biex ikunu dejjem aktar addattati għas-sitwazzjonijiet ġodda – anki dawk li jirrikjedu evanġelizzazzjoni ġdida – u animati mill-ħeġġa missjunarja: “Il-ħidma missjunarja ġġedded il-Knisja, issaħħaħ il-fidi u l-identità nisranija, tnissel ħeġġa ġdida fir-ruħ u tqanqal għal impenji ġodda. Il-fidi tissaħħaħ billi tingħata lill-oħrajn. L-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-popli nsara ssib ispirazzjoni u għajnuna mill-impenn għall-missjoni universali tal-Knisja” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris missio, 2).

Morru u xandru
Dan l-iskop jiġi kontinwament imsaħħaħ biċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, speċjalment tal-Ewkaristija, li tispiċċa dejjem billi tagħmel eku għall-ordni ta’ Ġesu’ rxoxt lill-Appostli: “Morru …” (Mt. 28, 19). Il-liturġija hija dejjem sejħa ‘mid-dinja’ u missjoni ġdida ‘fid-dinja’ biex nagħtu xhieda ta’ dak li esperjenzajna: il-qawwa ta’ salvazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, il-qawwa ta’ salvazzjoni tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Dawk kollha li ltaqgħu mal-Mulej irxoxt ħassew il-bżonn li jagħtu l-aħbar lil oħrajn, bħalma għamlu ż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Huma, wara li għarfu l-Mulej fil-qsim tal-ħobż, “dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax miġbura flimkien” u qalulhom x’kien ġralhom fit-triq (Lq. 24, 33-34). Il-Papa Ġwanni Pawlu II ħeġġiġna biex inkunu “għassa u pronti biex nagħrfu lil wiċċu u mmorru niġru għand ħutna u nwasslulhom il-bxara kbira: Rajna lill-Mulej!” (Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, 59).
Lil kulħadd
Il-bxara tal-Vanġelu hija ddestinata għall-popli kollha. Il-Knisja “hi min-natura tagħha missjunarja għax għandha l-bidu tagħha fil-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu skont il-pjan ta’ Alla l-Missier” (Konċilju Vatikan II, Digriet Ad gentes, 2). Dina hija “l-grazzja u l-vokazzjoni proprja tal-Knisja, l-identità l-aktar profonda tagħha. Hija teżisti biex tevanġelizza” (Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 14). Għalhekk qatt ma tista’ tingħalaq fiha nfisha. Hija titfa’ l-għeruq f’postijiet determinati biex tmur f’oħrajn. Il-ħidma tagħha, f’ubbidjenza għall-kelma ta’ Kristu u nqanqla mill-grazzja u l-imħabba tiegħu, tagħmel lilha nfisha preżenti b’mod sħiħ u attwali għall-bnedmin u għall-popli kollha biex tmexxihom lejn il-fidi fi Kristu (ara Ad gentes, 5).
Din il-ħidma ma tilfitx l-urġenza tagħha. Anzi, “il-missjoni ta’ Kristu feddej, afdata f’idejn il-Knisja, għad fadlilha ħafna biex isseħħ għalkollox … Ħarsa ġenerali lejn l-umanità turi li din il-missjoni għadha fil-bidu u li għandna nimpenjaw ruħna b‘ħilitna kollha fil-qadi tagħha” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris missio, 1). Ma nistgħux nibqgħu berdin meta niftakru li, wara elfejn sena, għad hemm popli li ma jafux lil Kristu u għadhom ma semgħux il-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni.
Mhux biss; imma qiegħda tikber il-kotra ta’ dawk li, għalkemm irċevew il-bxara tal-Vanġelu, insewh u abbandunawh, u ma għadhomx iqisu ruħhom fil-Knisja; u ħafna ambjenti, anki f’soċjetajiet tradizzjonalment insara, illum huma ibsin biex jiftħu qalbhom għall-kelma tal-fidi. Qiegħda ssir bidla kulturali, imsaħħa wkoll mill-globalizzazzjoni, minn movimenti ta’ ħsieb u mir-relattiviżmu dominanti. Hija bidla li twassal għal mentalità u għal stil ta’ ħajja li jħallu barra l-messaġġ evanġeliku, qisu Alla ma jeżistix, u li jfaħħru t-tfittxija tal-kumdità, tal-qligħ faċli, tal-karriera u tas-suċċess bħala skop tal-ħajja, anki bi ħsara tal-valuri morali.
Korresponsabbiltà ta’ kulħadd
Il-missjoni universali tinvolvi lil kulħadd, kollox u dejjem. Il-Vanġelu mhuwiex xi ġid esklużiv ta’ min irċevieh, imma huwa don li għandu jaqsam mal-oħrajn, aħbar sabiħa li għandu jxandarha. U dan id-don-impenn huwa afdat mhux biss lil xi wħud, imma lill-imgħammdin kollha li huma “ġens maħtur, … nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih” (1 Pt. 2, 9), biex ixandar l-għemejjel tiegħu tal-għaġeb.
F’dan huma involuti anki l-attivitajiet kollha. L-attenzjoni u l-kooperazzjoni fil-ħidma evanġelizzatriċi tal-Knisja fid-dinja ma jistgħux ikunu limitati għal xi mumenti u okkażjonijiet partikulari, u anqas jistgħu jkunu kkunsidrati bħala waħda minn tant attivitajiet pastorali. L-aspett missjunarju tal-Knisja huwa essenzjali, u għalhekk għandna nżommuh dejjem f’moħħna. Huwa importanti li kemm l-imgħammdin individwalment u kemm il-komunitajiet ekkleżjali jinteressaw ruħhom fil-missjoni mhux kultant u f’xi okkażjoni, imma b’mod kostanti, bħala aspett tal-ħajja nisranija. L-istess Ġurnata Missjunarja mhijiex mument maqtugħ għalih matul is-sena, imma hija okkażjoni prezzjuża biex nieqfu nirriflettu jekk u kif qegħdin inwieġbu għall-vokazzjoni missjunarja. Din hija tweġiba essenzjali għall-ħajja tal-Knisja.
Evanġelizzazzjoni globali
L-evanġelizzazzjoni hija proċess kumpless u tiġbor fiha diversi elementi. Fost dawn, attenzjoni partikulari fl-animazzjoni missjunarja dejjem ngħatat lis-solidarjetà. Dan huwa anki wieħed mill-iskopijiet tal-Ġurnata Missjunarja Dinjija li, permezz tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, tappella għall-għajnuna biex titwettaq il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni fl-artijiet tal-missjoni. Jinħtieġ li ngħinu istituzzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita u msaħħa l-Knisja permezz tal-katekisti, is-seminarji, is-saċerdoti, u anki li nagħtu s-sehem tagħna għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tan-nies f’pajjiżi, fejn huma aktar gravi l-problemi tal-faqar, nuqqas ta’ nutriment l-aktar fit-tfal, mard, nuqqas ta’ servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Anki dan jidħol fil-missjoni tal-Knisja.
Meta xxandar il-Vanġelu, hija jkollha għal qalbha l-ħajja umana fis-sens sħiħ tagħha. Mhuwiex aċċettabbli, sostna l-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI, li fl-evanġelizzazzjoni jiġu ttraskurati t-temi rigward il-promozzjoni umana, il-ġustizzja, il-ħelsien minn kull forma ta’ oppressjoni, ovvjament bir-rispett għall-awtonomija tal-isfera politika. In-nuqqas ta’ interess fil-problemi temporali tal-umanità jkun ifisser “li ninsew il-lezzjoni li tiġi mill-Vanġelu fuq l-imħabba tal-proxxmu li qiegħed ibati u huwa fil-bżonn” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 31.34). Dan ma jkunx jaqbel mal-imġiba ta’ Ġesù li “dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelu tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa” (Mt. 9, 35).
Hekk, permezz tal-parteċipazzjoni korresponsabbli mal-missjoni tal-Knisja, in-nisrani jsir bennej tal-komunjoni, tal-paċi, tas-solidarjetà li Kristu tana, u jikkollabora fit-twettiq tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla għall-umanità kollha. L-isfidi li din tiltaqa’ magħhom isejħu lill-insara biex jimxu flimkien mal-oħrajn, u l-missjoni hija parti integrali minn din il-mixja ma’ kulħadd. Fiha aħna nġorru, għalkemm f’ġarar tal-fuħħar, il-vokazzjoni nisranija tagħna, it-teżor imprezzabbli tal-Vanġelu, ix-xhieda ħajja ta’ Ġesù li miet u rxoxta, li nsibuh u nemmnu fih fil-Knisja.
Jalla l-Ġurnata Missjunarja tqanqal f’kulħadd ix-xewqa u l-ferħ li jersqu lejn l-umanità u jwasslu ‘l Kristu lil kulħadd. F’ismu nagħtikom bil-qalb il-Benedizzjoni Appostolika, b’mod partikulari lil dawk li qegħdin jistinkaw u jbatu l-aktar għall-Vanġelu.